Lingwi
Ikseb l-App

Għalfejn in-nies jipparteċipaw fil-logħob tal-azzard

Din il-mistoqsija spiss jagħmluha l-qraba u l-ħbieb billi ma jistgħux jifhmu kif il-lagħaba jqiegħdu lilhom infushom u lill-maħbubin tagħhom f’sitwazzjonijiet ta’ uġigħ u sogħba. Jekk xi ħaġa qed tikkawża din il-problema, għaliex ma jwaqqfuhiex u jkunu aktar kuntenti? Mistoqsija simili hija “għalfejn ċertu nies huma kapaċi jipparteċipaw f’logħob tal-azzard fil-limiti tagħhom mingħajr ma jiżviluppaw tali problemi? Dan huwa sinjal ta’ dgħufija, jew l-inabilità li jkampaw? Madanakollu, fil-verità il-kwistjoni rari tkun daqshekk sempliċi. Il-problemi tal-logħob tal-azzard ħafna drabi jkunu esperjenzati barra mill-kontroll tal-persuna, u “li sempliċiment tieqaf” mhijiex għażla raġonevoli.

Addizzjonalment, ħafna nies isibu ruħhom f’sitwazzjoni fejn ma jistgħux jispjegaw għaliex ikomplu jipparteċipaw fil-logħob tal-azzard minkejja l-problemi li jikkawża fil-ħajja tagħhom ta’ kuljum. L-aktar tweġiba ovvja hija “għall-flus”, imma forsi tista’ tisfida lilek innifsek hawn:  Meta tirbaħ, tonfoq flusek fuq aktar logħob tal-azzard? Inti tkompli tipparteċipa fil-logħob tal-azzard sakemm ikun għad fadallek ftit jew xejn flus?

Ħafna mil-lagħaba jħossu li qed jistennew ir-“rebħa l-kbira”, li qatt ma tasal imma dejjem tidher tant viċin. Imma ħafna drabi, isibu li rebħa kbira sempliċiment tnissel xewqa akbar għal-logħob tal-azzard, u jispiċċaw priġuniera tal-imġiba tagħhom mingħajr mod biex joħorġu minnha. Dan jissuġġerixxi li l-aktar ħaġa importanti hi li “tkun qed tagħmel xi ħaġa”, aktar milli li tirbaħ ammont ta’ flus. Rebħa kbira tista’ tbiddel il-logħob tal-azzard minn divertiment għall-uniku skop li jkun li tirbaħ il-flus. Il-problema hawn hija li l-forom kollha tal-logħob tal-azzard għandhom vantaġġ matematiku li jfisser, li maż-żmien, il-kasinò dejjem jirbaħ.  Jew aktar importanti, il-lagħaba dejjem jitilfu. Dan ifisser li kull tip ta’ logħob tal-azzard li huwa xprunat minn ħtieġa li tirbaħ, inkluż li tipprova tirbaħ lura l-flus li diġà tkun tlift, mhux se jaħdem

Kull divertiment jista’ jkun diversjoni minn stress, niket jew il-battikati tal-ħajja imma jista’ jsir negattiv meta jieqaf ikun diversjoni u jsir mod kif tkampa. Dan huwa għaliex meta tinjora problema din normalment ma titlaqx.

Li tuża l-logħob tal-azzard biex taħrab minn problemi oħra jista’ jħallik bi problema akbar, inqas flus u inqas rieda tajba mill-familja u l-ħbieb

Hemm mod ieħor kif taħseb dwar il-logħob tal-azzard, li jirrappreżenta sintomu ta’ problema akbar fil-ħajja. Filwaqt li din tista’ tinstema’ tal-biża’ meta taħseb fuqha, forsi tikkunsidra jekk għandekx it-tendenza li tilgħab f’ċertu ħinijiet, jew jekk il-logħob huwiex assoċjat ma’ ċertu sentimenti. Jista’ jkun li dan kellu parti importanti fil-ħajja tiegħek sa minn meta kont għadek żgħir. Jekk taħseb dwaru b’dan il-mod, forsi tirrealizza li l-problemi tal-logħob tal-azzard mhumiex sinjal ta’ dgħufija, imma aktar mod ta’ kif tkampa ma’ xi ħaġa akbar, li b’xi mod fuq ċertu livell jagħmel ħafna sens.

Meta l-logħob tal-azzard isir problema:

Huwa diffiċli ħafna tiddefinixxi meta l-logħob tal-azzard isir problema. Billi huwa differenti għal kulħadd. Jekk inti, il-familja jew il-ħbieb tiegħek jaħsbu li jista’ jkun qed jikkawża problemi f’ħajtek, mela forsi wasal iż-żmien biex terġa’ taħseb dwar il-logħob tal-azzard tiegħek. Biex issir taf jekk il-logħob tal-azzard huwiex problema f’ħajtek, agħmel dan il-kwizz sempliċi. Hemm bosta miti assoċjati mal-logħob tal-azzard li jinkludu:   

• Jekk inkompli nilgħab, se nirbaħ u b’hekk

• Nista’ nirbaħ lura dak kollu li tlift

• Il-logħob tal-azzard huwa l-uniku soluzzjoni għall-problemi finanzjarji u l-problemi l-oħrajn tiegħi.

• Il-logħob tal-azzard huwa l-uniku mod kif nista’ naħrab mill-istress

Jekk il-logħob tal-azzard m’għadux divertiment għalik imma qed tħoss li huwa problema, tista’ ssib ruħek tistaqsi għalfejn tilgħab. Imma l-logħob tal-azzard ma jibdiex bħala problema. Madanakollu l-logħob tal-azzard jista’ jinbidel u jikber mingħajr ma tinduna li qed jikber f’ħajtek u huwa hemmhekk li jsir problema.

Għaliex huwa daqshekk diffiċli tieqaf?

Nies li għandhom il-problema tal-logħob tal-azzard ħafna drabi jistaqsu lilhom infushom għaliex ma jistgħux jieqfu. Għalkemm m’hemmx drogi jew sustanzi involuti fil-logħob tal-azzard, il-logħob tal-azzard bħala problema huwa kkategorizzat bħala vizzju fil-letteratura psikjatrika fl-istess sezzjoni tal-vizzji tad-drogi u l-alkoħol. Li l-logħob tal-azzard problematiku huwa vizzju u li għandu xi wħud mill-istess karatteristiċi f’termini tal-attività tal-moħħ bħad-dipendenza fuq sustanza tispjega għaliex li tipprova tieqaf kultant mhuwiex biżżejjed biex dan iseħħ. Dan jispjega wkoll għaliex minkejja li jkunu jridu jieqfu, ħafna nies isibuha diffiċli jikkontrollaw il-logħob tal-azzard tagħhom u jeħtieġ jippruvaw ħafna drabi qabel jirnexxilhom.  Dan jispjega wkoll għaliex, bħal kull tip ieħor ta’ vizzju, xi nies jibqgħu vulnerabbli għall-problemi bil-logħob tal-azzard fil-futur.